Bijografija

Il-Papa Franġisku, imwieled bħala Jorge Mario Bergoglio fi Buenos Aires, 17 ta’ Diċembru 1936, iben ta’ ġenituri migranti mill-Italja. Missieru kien ħaddiem tal-ferrovija u ommu kienet mara tad-dar trabbi l-ħames uliedhom. Hu ggradwa mill-iskola bħala tekniku kimiku u għamel xi snin jaħdem bħala inġinier kimiku, sakemm ta’ 22 sena ddeċieda li jidħol is-seminarju. Fil-11 ta’ Marzu 1958 daħal mal-Ġiżwiti. Bergoglio kompla jistudja u ggradwa fil-Filosofija. Wara għallem il-letteratura u l-psikoloġija f’żewġ kulleġġi differenti. 

Kien ordnat saċerdot fit-13 ta’ Diċembru 1969. Wara li sar saċerdot, kompla jistudja u sar Professur tat-Teoloġija u Majjistru tan-novizzi. Fl-1973 is-Soċjetà ta’ Ġesù ħatret lil Bergoglio bħala Provinċjal għall-Ġiżwiti Arġentini.

Wara sitt snin Provinċjal tal-Ġiżwiti, Bergoglio ntbagħat bħala Rettur fis-Seminarju ta’ San Miguel fl-1980 fejn reġa’ beda jgħallem. Wara li lesta d-dottorat tiegħu fil-Ġermanja, mar lura f’pajjiżu u serva bħala direttur spiritwali f’Cordoba għal 18-il sena. Fl-1998 laħaq Arċisqof fl-Arġentina. Fil-21 ta’ Frar 2001 inħatar kardinal mill-Papa Ġwanni Pawlu II, fejn ingħata numru ta’ pożizzjonijiet amministrattivi fil-Kurja Rumana u serva bħala membru f’numru ta’ kongregazzjonijiet. Lin-nies tal-Arġentina kien talabhom biex ma jmorrux Ruma biex jiċċelebraw il-ħatra tiegħu ta’ kardinal, iżda minflok jagħtu l-flus tal-vjaġġ lill-fqar. 

Bħala kardinal kien magħruf għall-umiltà u l-impenn tiegħu għall-ġustizzja soċjali. Ħadem biex jiżdiedu s-servizzi soċjali u l-evanġelizzazzjoni fl-inħawi foqra tal-belt. Bħala isqof ma qgħadx lura milli jitkellem dwar il-problemi ekonomiċi, soċjali u politiċi li hemm fl-Arġentina. Fl-omeliji u d-diskorsi tiegħu saħaq li l-bnedmin huma lkoll aħwa u li l-Istat u l-Knisja għandhom jagħmlu kulma jistgħu biex kulħadd iħossu milqugħ, rispettat u aċċettat. 

Fl-2002 fl-ispirtu tal-faqar, irrifjuta li jinħatar President tal-Konferenza Episkopali tal-Arġentina, iżda tliet snin wara kien elett għal terminu ta’ tliet snin, ħatra li kienet imġedda fl-2008. Fl-2005 kien ħa sehem fil-konklavi fejn ġie elett il-Papa Benedittu XVI. 

Bħala Arċisqof ta’ Buenos Aires ħadem fuq proġett missjunarju bbażat fuq il-komunjoni u l-evanġelizzazzjoni. Kellu erba’ għanijiet ewlenin: komunitajiet miftuħa u fraterni, lajċi konxji mir-rwol attiv tagħhom, sforzi ta’ evanġelizzazzjoni indirizzati lil kull persuna fil-belt, u għajnuna lill-foqra u l-morda. Kellu l-għan li jerġa’ jevanġelizza lil Buenos Aires u għal dan talab lis-saċerdoti u lil-lajċi jaħdmu flimkien. Fl-2009 nieda kampanja ta’ solidarjetà għall-biċentinarju tal-Indipendenza tal-pajjiż, li bis-saħħa tagħha twaqqfu 200 aġenzija tal-karità sal-2016.

Fit-13 ta’ Marzu 2013 inħatar papa. 

Scroll to Top