Ittra Pastorali mill-Isqfijiet

Nilqgħu fostna l-Għannej tal-Ħniena

Aħna l-Maltin u l-Għawdxin kburin ħafna bir-rakkont fil-kapitlu 28 tal-Atti tal-Appostli li jirrakkonta l-miġja ta’ San Pawl fostna.

San Luqa jgħid li l-Maltin laqgħu lill-Appostlu Missierna u lil sħabu “bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2). Nistgħu ngħidu tassew li l-laqgħa tagħna mal-appostlu kienet laqgħa sabiħa, mimlija mħabba u ħbiberija bejn il-bnedmin u din il-laqgħa laqqgħatna mal-ħniena ta’ Alla.

Fl-istorja ta’ ħajjitna din il-laqgħa mal-ħniena ta’ Alla ssir tassew importanti. Il-messaġġ tal-Evanġelju huwa li jlaqqagħna ma’ Alla għani fil-ħniena. Din il-ħniena li aħna nilqgħu mingħand Alla hija wkoll impenn biex il-ħniena li rċevejna b’xejn nuruha wkoll b’atti konkreti bejnietna  u ma’ xulxin.

Iż-żjara tal-Papa fostna hija żjara ta’ ragħaj li huwa wkoll appostlu tal-ħniena ta’ Alla. L-istedina tal-preżenza tal-Papa fostna hi li aħna nimpenjaw ruħna biex il-ħniena li rċevejna bil-miġja tal-Appostlu Missierna fostna, inkunu nistgħu ngħixuha u nħaddmuha bejnietna, fostna u ma’ ħutna fil-bżonn.

Ġesu wara kollox huwa dak li wassal il-ħniena tal-Missier fostna. F’ħajtu dejjem laqa’ lil min kellu bżonn il-ħniena. Minn fuq is-salib ħenn għal kull wieħed u waħda minna. Ir-rakkonti li tana fuq il-Missier tas-smewwiet huma rakkonti li juru l-ħniena t’Alla għalina.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li f’dawn il-jiem fejn aħna jista’ jkun inkunu mehdijin f’affarijiet oħra, insibu ħin biex nieqfu u ngħożżu l-kelma ta’ ħniena li ġabilna l-Appostlu Missierna u li fiha jixtieq jikkonfermana l-Papa Franġisku.

Scroll to Top