Il-Papa f’Għawdex: Intom teżor fil-Knisja u għall-Knisja

Ħdejn is-salib ta’ Ġesù hemm wieqfa Marija u Ġwanni. L-Omm li tat id-dawl lill-Iben ta’ Alla hi mnikkta għall-mewt tiegħu waqt li d-dlamijiet qed jaħkmu fuq id-dinja; id-dixxiplu l-maħbub, li kien ħalla kollox biex jimxi warajh, issa jinsab wieqaf f’riġlejn l-Imgħallem mislub. Kollox jidher mitluf, kollox jidher spiċċa darba għal dejjem. U waqt li jitgħabba bil-ġrieħi tal-bnedmin kollha, Ġesù jitlob: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27:46; Mk 15:34). Din hija wkoll it-talba tagħna fil-waqtiet tal-ħajja mmarkati mit-tbatija; hija t-talba li ta’ kuljum titla’ quddiem Alla mill-qalb tagħkom, Sandi u Domenic: grazzi tal-perseveranza ta’ mħabbitkom u tax-xhieda tal-fidi tagħkom!

Imma, is-siegħa ta’ Ġesù – li fil-Vanġelu ta’ Ġwanni hija s-siegħa tal-mewt fuq is-salib – ma tfissirx it-tmiem tal-istorja, imma timmarka l-bidu ta’ ħajja ġdida. Ħdejn is-salib, fil-fatt, nikkontemplaw l-imħabba ħanina ta’ Kristu, li jiftaħ beraħ dirgħajh għalina u, bil-mewt tiegħu, jiftħilna qalbna għall-ferħ tal-ħajja ta’ dejjem. Mis-siegħa tat-tmiem tinfetaħ ħajja ġdida; minn dik is-siegħa tal-mewt tibda siegħa oħra mimlija ħajja: dan huwa ż-żmien tal-Knisja li titwieled. Minn dik iċ-ċellola tal-bidu l-Mulej jiġma’ poplu, li jibqa’ jimxi fit-toroq iebsa tal-istorja, biex iġib fil-qalb il-faraġ tal-Ispirtu, li bih hu jixxotta d-dmugħ tal-umanità.

Ħuti, minn dan is-Santwarju Ta’ Pinu nistgħu nimmeditaw flimkien fuq il-bidu ġdid li jnixxi mis-siegħa ta’ Ġesù. Imqar f’dan l-imkien, qabel il-binja mill-isbaħ li naraw illum, kien hemm kappella ċkejkna mitluqa. Kienu ħasbu biex iwaqqgħuha: donnu kien it-tmiem ta’ kollox. Imma serje ta’ ġrajjiet bidlu d-direzzjoni tal-istorja, bħallikieku l-Mulej ried ilissen lil dan il-poplu: “Ma jgħidulekx aktar: ‘L-Abbandunata’, lanqas lil artek: ‘L-Imħarbta’. Lilek għad isejħulek: ‘Għaxqti fiha’, u lil artek għad jgħidulha: ‘Għarusa’” (Iż 62:4). Dik il-knisja ċkejkna saret is-Santwarju nazzjonali, destinazzjoni għall-pellegrini u għajn ta’ ħajja ġdida. Dan fakkarthulna int, Jennifer: hawnhekk ħafna jiġu jafdaw mal-Madonna t-tbatijiet u l-ferħ tagħhom, u kulħadd iħossu milqugħ. Hawn ġie pellegrin, anki San Ġwanni Pawlu II, li llum jaħbat l-anniversarju minn mewtu. Post li kien jidher mitluf, issa qed inissel mill-ġdid fil-Poplu ta’ Alla fidi u tama.

Għad-dawl ta’ dan, ejjew nippruvaw nilqgħu għalina wkoll l-istedina tas-siegħa ta’ Ġesù, ta’ dik is-siegħa tas-salvazzjoni. Qed tgħidilna li, biex inġeddu l-fidi tagħna u l-missjoni tal-komunità, aħna msejħin nirritornaw għal dak il-bidu, għall-Knisja li aħna nilmħu għadha titwieled taħt is-salib f’Marija u Ġwanni. Imma xi jfisser nerġgħu lura għal dak il-bidu? Xi jfisser nerġgħu lura għall-għeruq?

Qabelxejn, ifisser li niskopru mill-ġdid l-essenzjal tal-fidi. Nerġgħu lura għall-Knisja tal-bidu ma jfissirx inħarsu lura biex nikkupjaw il-mudell ekkleżjali tal-ewwel komunità Nisranija. Ma nistgħux “naqbżu l-istorja”, bħallikieku l-Mulej ma tkellimx u ma għamilx ħwejjeġ kbar ukoll fil-ħajja tal-Knisja tas-sekli ta’ wara. Lanqas ifisser inkunu wisq idealisti, u nimmaġinaw li f’dik il-komunità ma kienx hemm diffikultajiet; bil-maqlub, naqraw li d-dixxipli kienu jiddiskutu u jaslu saħansitra biex jitlewmu bejniethom, u li mhux dejjem kienu jifhmu t-tagħlim tal-Mulej. Pjuttost, nerġgħu lura lejn l-oriġni jfisser nirkupraw l-ispirtu tal-ewwel komunità Nisranija, jiġifieri nerġgħu lura lejn il-qalb u nerġgħu niskopru l-qalba tal-fidi: ir-relazzjoni ma’ Ġesù u t-tħabbira tal-Vanġelu tiegħu lid-dinja kollha. Dan hu l-essenzjali! Għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza!

Għandna bżonn ta’ fidi li tinbena u tiġġedded fil-laqgħa personali ma’ Kristu

Fil-fatt naraw li, wara s-siegħa tal-mewt ta’ Ġesù, l-ewwel dixxipli, bħal Marija Maddalena u Ġwanni, meta raw il-qabar vojt, bla telf ta’ żmien, b’qalbhom tħabbat sitta sitta, marru jiġru biex iwasslu l-aħbar it-tajba tal-Qawmien. Il-biki tan-niket ħdejn is-salib inbidel fil-ferħ tat-tħabbira. U niftakru wkoll fl-Appostli, li dwarhom hemm miktub: “U kuljum, fit-tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-Messija” (Atti 5:42). It-tħassib prinċipali tad-dixxipli ta’ Ġesù ma kienx il-prestiġju tal-komunità u tal-ministri tagħha, l-influwenza soċjali, l-attenzjoni żejda għall-kult. Le. It-tħassib li kien iċaqlaqhom kien kif se jxandru u jagħtu xhieda tal-Vanġelu ta’ Kristu (ara Rum 1:1). Għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza!

Ħuti, il-Knisja Maltija tiftaħar bi storja prezzjuża li minnha tista’ tixrob tant għana spiritwali u pastorali. Madankollu, il-ħajja tal-Knisja – ejjew infakkruh dejjem – mhija qatt biss “storja tal-imgħoddi biex infakkruha”, imma “futur kbir li rridu nibnu”, doċli għall-proġetti ta’ Alla. Ma tistax tkun biżżejjed għalina fidi magħmula minn drawwiet li ġew mgħoddija lilna, minn ċelebrazzjonijiet solenni, okkażjonijiet sbieħ popolari, mumenti qawwija u emozzjonanti; għandna bżonn ta’ fidi li tinbena u tiġġedded fil-laqgħa personali ma’ Kristu, fis-smigħ ta’ kuljum tal-Kelma tiegħu, fis-sehem attiv fil-ħajja tal-Knisja, fir-ruħ tal-kompassjoni popolari.

Hemm bżonn ngħassu biex il-prattika reliġjuża ma tirriduċix ruħha għar-ripetizzjoni ta’ repertorju tal-passat, imma tkun tesprimi fidi ħajja

Il-kriżi tal-fidi, l-apatija tal-prattika tat-twemmin fuq kollox fiż-żmien ta’ wara l-pandemija u l-indifferenza ta’ tant żgħażagħ għall-preżenza ta’ Alla mhumiex argumenti li għandna “nrattbu”, għax naħsbu li ftit jew wisq ċertu spirtu reliġjuż għadu sħiħ. Fil-fatt, xi drabi l-qafas ta’ barra jista’ jkun reliġjuż, imma wara dik il-libsa l-fidi tkun qed teqdiem. Fil-fatt, il-gwardarobba eleganti tal-ilbies reliġjuż mhux dejjem taqbel ma’ fidi ħajja li tiġi mid-dinamiżmu tal-evanġelizzazzjoni. Hemm bżonn ngħassu biex il-prattika reliġjuża ma tirriduċix ruħha għar-ripetizzjoni ta’ repertorju tal-passat, imma tkun tesprimi fidi ħajja, miftuħa, li xxerred il-ferħ tal-Vanġelu, li tista’ xxerred il-ferħ tal-Vanġelu. Għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza!

Naf li, permezz tas-Sinodu, bdejtu proċess ta’ tiġdid, u nirringrazzjakom għal din il-mixja. Ħuti, din hija s-siegħa li fiha għandna nirritornaw għal dak il-bidu, taħt is-salib, u nħarsu lejn l-ewwel komunità Nisranija. Biex inkunu Knisja li għandha għal qalbha l-ħbiberija ma’ Ġesù u x-xandir tal-Vanġelu tiegħu, u mhux li tfittex l-ispazji u l-attenzjoni; Knisja li għandha fil-qalba tagħha x-xhieda u mhux xi drawwa reliġjuża; Knisja li tixtieq toħroġ tiltaqa’ ma’ kulħadd bil-musbieħ tal-Vanġelu mixgħul f’idejha u mhux tkun ċirku magħluq. La tibżgħux taqbdu, kif diġà qed tagħmlu, toroq ġodda, forsi wkoll riskjużi, ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ tħabbira, li jmissu l-ħajja. Għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza!

Knisja li tixtieq toħroġ tiltaqa’ ma’ kulħadd bil-musbieħ tal-Vanġelu mixgħul f’idejha u mhux tkun ċirku magħluq

Ejjew mill-ġdid inħarsu lejn l-oriġni, lejn Marija u Ġwanni taħt is-salib. Fl-għejun tal-Knisja hemm il-ġest reċiproku tagħhom ta’ affidament. Fil-fatt, il-Mulej jafda lil wieħed fl-għożża tal-ieħor: Ġwanni lil Marija u Marija lil Ġwanni, hekk li “minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19:27). Li nerġgħu lura għall-bidu jfisser ukoll niżviluppaw l-arti tal-akkoljenza. Fost l-aħħar kelmiet ta’ Ġesù minn fuq is-salib, dawk li hu qal lil Ommu u lil Ġwanni jsejħulna biex nagħmlu mill-akkoljenza l-istil dejjiemi tad-dixxipulat. Fil-fatt, dan ma kienx xi sempliċi ġest ta’ ħniena, li bih Ġesù fada lil ommu għand Ġwanni biex ma tibqax waħidha wara mewtu, imma indikazzjoni konkreta dwar kif għandna ngħixu l-ikbar kmandament, dak tal-imħabba. Il-kult lil Alla jgħaddi mill-qrubija lejn l-aħwa.

Kemm huma importanti fil-Knisja l-imħabba bejn l-aħwa u l-akkoljenza tal-proxxmu! Il-Mulej dan ifakkarhulna fis-siegħa tas-salib, fl-akkoljenza reċiproka ta’ Marija u Ġwanni, u hekk hu jsejjaħ lill-komunità Nisranija ta’ kull żmien biex qatt ma twarrab din il-prijorità. “Dan hu ibnek”, “din hi ommok” (vv. 26, 27); qisu jrid jgħid: intom mifdija mill-istess demm, intom familja waħda, allura ilqgħu lil xulxin, ħobbu lil xulxin, ikkuraw il-ġrieħi ta’ xulxin. Mingħajr suspetti, firdiet, qlajjiet, seksik u sfiduċja f’xulxin. Agħmlu “sinodu”, jiġifieri “imxu flimkien”. Għax Alla hu preżenti fejn issaltan l-imħabba!

Fil-wiċċ ta’ dawn il-foqra huwa Kristu nnifsu li qed jiġi għandkom.

Għeżież, li nilqgħu lil xulxin, mhux purament għall-formalità imma f’isem Kristu, hi sfida kontinwa. Hi qabelxejn hekk għar-relazzjonijiet ekkleżjali tagħna, għax il-missjoni tagħna tista’ tħalli l-frott jekk naħdmu fil-ħbiberija u fil-komunjoni fraterna. Intom żewġ komunitajiet sbieħ, Malta u Għawdex, Għawdex u Malta – ma nafx liema hi l-iktar importanti jew liema hi l-ewwel! – l-istess kif tnejn kienu Marija u Ġwanni! Ħa jkunu mela l-kelmiet ta’ Ġesù minn fuq is-salib Kewkbet is-Safar tagħkom, biex tilqgħu lil xulxin, toħolqu familjarità, taħdmu f’komunjoni! Ibqgħu mexjin, dejjem flimkien fl-evanġelizzazzjoni! Għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza!

Imma l-akkoljenza hi wkoll il-prova biex nivverifikaw kemm effettivament il-Knisja hi mimlija bl-ispirtu tal-Vanġelu. Marija u Ġwanni laqgħu lil xulxin mhux fil-kenn sħun taċ-ċenaklu, imma ħdejn is-salib, f’dak il-post mudlam li fih kienu jiġu kkundannati u msallba bħala nies ħżiena. U aħna wkoll, ma nistgħux nilqgħu lil xulxin biss bejnietna, għad-dell tal-Knejjes sbieħ tagħna, meta hemm barra tant minn ħutna qed ibatu u huma msallba mit-tbatija, mill-miżerja, mill-faqar u mill-vjolenza. Intom tinsabu f’pożizzjoni ġeografika kruċjali, li hi għall-Mediterran bħal kalamita u port ta’ salvazzjoni għal tant persuni mriegħda mit-tempesti tal-ħajja li, għal diversi raġunijiet, jaslu fuq ix-xtut tagħkom. Fil-wiċċ ta’ dawn il-foqra huwa Kristu nnifsu li qed jiġi għandkom. Din kienet l-esperjenza tal-Appostlu Pawlu li, wara nawfraġju qalil, bi tjieba kbira ġie milqugħ minn missirijietkom. L-Atti tal-Appostli jistqarru: “In-nies tagħha… laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard” (Atti 28:2).

Dan hu l-Vanġelu li aħna msejħin ngħixu: nilqgħu, inkunu esperti fl-umanità, inqabbdu ħġejjeġ ta’ ħlewwa meta l-kesħa tal-ħajja qed thedded lil dawk li qed ibatu. U anki f’dan il-każ minn esperjenza traġika tinbet xi ħaġa importanti, għax Pawlu ħabbar u xerred il-Vanġelu u, warajh, tant ħabbara, predikaturi, saċerdoti u missjunarji mxew fuq il-passi tiegħu, imqanqla mill-Ispirtu s-Santu, biex jevanġelizzaw, biex ikomplu jgħaddu l-ferħ tal-Knisja li hu l-evanġelizzazzjoni. Irrid ngħidilhom grazzi b’mod speċjali: lill-għadd kbir ta’ missjunarji Maltin li jxerrdu fid-dinja kollha l-ferħ tal-Vanġelu, lill-ħafna saċerdoti, lir-reliġjużi, u lilkom kollha. Kif qal l-Isqof tagħkom, Mons. Teuma, intom gżira żgħira, imma b’qalb kbira. Intom teżor fil-Knisja u għall-Knisja. Nerġa’ ngħidha?! Intom teżor fil-Knisja u għall-Knisja! Biex tħarsuh, tridu terġgħu lura għall-essenza tal-Kristjaneżmu: għall-imħabba ta’ Alla, mutur tal-ferħ tagħna, li ġġagħalna noħorġu u nimxu fit-toroq tad-dinja; u għall-akkoljenza tal-proxxmu, li hija x-xhieda tagħna l-aktar sempliċi u sabiħa fid-dinja. Għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza!

Il-Mulej ikun magħkom f’din it-triq u l-Verġni Mbierka tiggwidakom. Hi, li talbitna nitolbu t-tliet Avemarijiet biex niftakru fil-qalb tagħha ta’ omm, ħa tkebbes mill-ġdid fina wliedha n-nar tal-missjoni u x-xewqa li nieħdu ħsieb ta’ xulxin. Il-Madonna tberikkom u sseħibkom fl-evanġelizzazzjoni!

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Aktar ritratti

Scroll to Top