Luminous Kindness – Imnedija l-pubblikazzjoni uffiċjali taż-żjara tal-Papa f’Malta

L‑Arċisqof Charles Scicluna nieda l‑pubblikazzjoni uffiċjali tal‑Vjaġġ Appostoliku tal‑Papa Franġisku f’Malta. Din tinkludi sensiela ta’ ritratti mill‑isbaħ li saru waqt din iż‑żjara li saret fit‑2 u t‑3 ta’ April.

Il‑ktieb ġie ppubblikat minn Beacon Media Group, il‑kumpanija li tiġbor fi ħdanha lil Newsbook, 103 Malta’s Heart u Media Centre. B’168 paġna, il‑ktieb bl‑isem Luminous Kindness jinkludi wkoll id‑diskorsi u t‑talb li sar waqt iż‑żjara tal‑Papa f’għadd ta’ postijiet f’Malta u Għawdex.

Waqt it‑tnedija tal‑ktieb fil‑Palazz tal‑Arċisqof fl‑Imdina, l‑Arċisqof Scicluna, Ii kiteb id‑daħla, qal: “Filwaqt li xejn ma jista’ jieħu post il‑ferħ li esperjenzajna fiż‑żmien li l‑Papa għamel magħna, Luminous Kindness jerġa’ jqajjem fina mhux biss il‑memorji għeżież tal‑Papa fost il‑Maltin u l‑Għawdxin, iżda wkoll id‑diskorsi tiegħu li tant għandna bżonn nisimgħu. Hi tifkira sabiħa u kompleta taż‑żjara”.

It‑titlu tal‑pubblikazzjoni ntagħżel biex jirrifletti d‑deskrizzjoni mill‑Papa dwar Malta bħala art bi “ġmiel imdawwal” impenjata li tilqa’ lin‑nies. Fl‑istess ħin, it‑titlu jinkludi t‑tema ewlenija taż‑żjara: “Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” – il‑kliem użat minn San Luqa fl‑Atti tal‑Appostli biex jiddeskrivi l‑laqgħa li ngħataw San Pawl u l‑275 persuna wara li ġew nawfragati fuq il‑gżira 2,000 sena ilu.

Il‑ktieb jinkludi QR codes li jagħtu aċċess lill‑qarrejja għal filmati u traduzzjonijet ta’ kull avveniment kif ukoll tagħrif dwar il‑postijiet ta’ qima ewlenin f’Malta.

L‑editur tal‑ktieb Luminous Kindness huwa Steve Mallia flimkien ma’ Ariadne Massa, filwaqt li Ramon Micallef kien id‑disinjatur. Ian Noel Pace, Miguela Xuereb, Rene Rossignaud, Daniel Cilia, Darrin Zammit Lupi, Andrew Formosa, Tonio Schembri, id‑Dipartiment tal‑Informazzjoni (DOI) u l‑Media tal‑Vatikan ikkontribwew għar‑ritratti.

Beacon Media Group hu grat għall‑appoġġ tal‑isponsors: l‑Awtorità Maltija għat‑Turiżmu, Virtu Ferries u APS Bank.

Luminous Kindness hu disponibbli f’qoxra iebsa għal €50 u f’qoxra ratba għal €30. Il‑kopji jinkisbu minn store.newsbook.com.mt jew bit‑telefown fuq 25699100.

Scroll to Top