Insellmilkom minn qalbi; kemm inħossni kuntent li qed nagħlaq iż-żjara tiegħi f’Malta bi ftit ħin magħkom! Irrodd ħajr lil Patri Dijonisju għall-akkoljenza tiegħu; u fuq kollox jiena grat lejn Daniel u Siriman għax-xhieda tagħhom: ftaħtulna qlubkom u ħajjitkom, u fl-istess waqt kontu leħen għal tant aħwa, li jkollhom iħallu pajjiżhom biex ifittxu kenn żgur.
Kif għidt xi xhur ilu f’Lesbos, “ġejt hawn biex ngħidilkom li ninsab qrib tagħkom… Ninsab hawn biex nara l-uċuħ tagħkom, biex inħares f’għajnejkom” (Diskors f’Mytilene, 5 ta’ Diċembru 2021). Sa minn dakinhar li mort Lampedusa, qatt ma nsejtkom. Inġorrkom dejjem f’qalbi u intom dejjem preżenti fit-talb tiegħi.
F’din il-laqgħa magħkom il-migranti toħroġ sħiħa t-tifsira tal-motto tal-vjaġġ tiegħi f’Malta. Hu kwotazzjoni mill-Atti tal-Appostli li tgħid: “U ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (28:2). Tirreferi għall-mod li bih il-Maltin laqgħu lill-Appostlu Pawlu u lil dawk kollha li flimkien miegħu ħelsuha mill-għarqa qrib il-Gżira. Imxew magħhom “bi ħlewwa liema bħalha”. Mhux biss bi ħlewwa, imma bi ħlewwa liema bħalha, b’għożża speċjali, umanità li San Luqa ried inaqqax għal dejjem fil-ktieb tal-Atti. Nawgura lil Malta li dejjem tittratta b’dan il-mod lil dawk kollha li jaslu fuq xtutha, li tkun tabilħaqq għalihom “port sigur”.
Dik tan-nawfraġju hi esperjenza li eluf ta’ rġiel, nisa u tfal għamlu f’dawn is-snin fil-Mediterran. U b’xorti ħażina għal ħafna minnhom kienet traġika. Proprju lbieraħ waslitilna l-aħbar ta’ salvataġġ li seħħ qrib il-kosta tal-Libja, ta’ erba’ migranti biss fuq imbarkazzjoni li kien fiha xi disgħin ruħ. Nitolbu għal dawn ħutna li sabu l-mewt ma’ wiċċhom fil-Baħar Mediterran tagħna. U nitolbu wkoll li niġu salvati minn nawfraġju ieħor li jgħaddi minn għalina waqt li qed iseħħu dawn il-fatti: hu n-nawfraġju taċ-ċiviltà, li jhedded mhux biss lil dawk li jħallu arthom, imma lilna lkoll. Kif nistgħu neħilsu minn dan in-nawfraġju li qed jirriskja li jgħarraq il-ġifen taċ-ċiviltà tagħna? Billi nġibu ruħna b’umanità. Billi nħarsu lejn il-persuni mhux bħala numri, imma bħala dak li huma – kif qalilna Siriman –, jiġifieri wċuħ, stejjer, sempliċiment irġiel u nisa, aħwa. U naħseb kif flok dik il-persuna li qed nilmaħ fuq dgħajsa jew fil-baħar fuq it-televiżjoni, jew f’ritratt, flokha stajt kont jien, jew ibni, jew binti… Forsi anki f’dan il-mument, xħin qegħdin hawn, hemm dgħajjes jaqsmu l-baħar min-Nofsinhar għat-Tramuntana… Ejjew nitolbu għal dawn ħutna li qed jirriskjaw ħajjithom fil-baħar ifittxu t-tama. Intom ukoll għextu din it-traġedja, u wasaltu hawn.
Nawgura lil Malta li dejjem tittratta b’dan il-mod lil dawk kollha li jaslu fuq xtutha, li tkun tabilħaqq għalihom “port sigur”
L-istejjer tagħkom iġagħluna naħsbu f’dawk l-eluf u eluf ta’ persuni li fil-jiem li għaddew kellhom jaħarbu mill-Ukrajna minħabba l-gwerra. Imma anki f’dawk ta’ tant irġiel u nisa oħra li, biex ifittxu post sigur, kienu mġiegħla jħallu darhom u arthom fl-Asja, fl-Afrika u fil-kontinent Amerikan. F’dawn kollha naħseb u għalihom nixtieq nitlob bħalissa.
Xi żmien ilu kont irċevejt xhieda oħra minn dan iċ-Ċentru tagħkom: l-istorja ta’ żagħżugħ li rrakkonta l-mument ta’ niket li fih kellu jitlaq lil ommu u l-familja tiegħu tal-oriġini. Dan messli qalbi u ġagħalni nirrifletti. Imma int ukoll, Daniel, int ukoll, Siriman, u kull wieħed u waħda minnkom għex din l-esperjenza li kellu jitlaq u jinqata’ mill-għeruq tiegħu. Hi tiċrita. Tiċrita li tħalli marka. Mhux biss uġigħ tal-mument, emottiv. Tħalli ġerħa kbira fil-mixja tal-maturazzjoni ta’ żagħżugħ, żagħżugħa. Trid iż-żmien biex tfejjaq din il-ġerħa; trid iż-żmien u fuq kollox hemm bżonn ta’ esperjenzi għanja fl-umanità: wieħed jiltaqa’ ma’ persuni li jilqgħuh, li jafu jisimgħu, jifhmu, isieħbu; u anki joqgħod flimkien ma’ sħabu oħra tal-vjaġġ, biex jaqsmu ma’ xulxin, biex jerfgħu l-piż flimkien… Dan jgħin biex ifejjaq il-ġrieħi.
Intom m’intomx numri, imma persuni tad-demm u l-laħam, uċuħ, ħolmiet xi kultant imfarrka
Jiġuni f’moħħi ċ-ċentri ta’ akkoljenza: kemm hu importanti li jkunu mkejjen ta’ umanità! Nafu li hu diffiċli, hemm tant fatturi li jkabbru t-tensjonijiet u r-riġidità. U madankollu, f’kull kontinent, hemm persuni u komunitajiet li jilqgħu l-isfida, għax jafu li r-realtà tal-migrazzjonijiet hija sinjal ta’ żminijietna fejn hemm fin-nofs iċ-ċiviltà. U għalina l-Insara hemm fin-nofs ukoll il-fedeltà lejn l-Evanġelju ta’ Ġesù, li qal: “Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35). Dan ma nagħmluhx f’ġurnata! Trid iż-żmien, trid tant sabar, fuq kollox trid imħabba magħmula minn qrubija, minn ħlewwa u minn ħniena, kif hi l-imħabba ta’ Alla għalina. Naħseb li għandna ngħidu “grazzi” kbira lil min aċċetta din l-isfida hawn f’Malta u ta l-ħajja lil dan iċ-Ċentru. Ejjew nagħmlu dan b’applaws!
Ippermettuli, ħuti, li nesprimi ħolma tiegħi. Li intom il-migranti, wara li tkunu doqtu l-akkoljenza mimlija umanità u fraternità, tkun tistgħu ssiru intom stess xhieda u animaturi ta’ akkoljenza u ta’ fraternità. Hawn u fejn iridkom Alla, fejn il-providenza tmexxi l-passi tagħkom. Din hi l-ħolma li nixtieq naqsam magħkom u li nqiegħed f’idejn Alla. Għax dak li hu impossibbli għalina mhuwiex impossibbli għalih. Inħoss li hu importanti ħafna li fid-dinja tal-lum il-migranti jsiru xhieda tal-valuri umani essenzjali għal ħajja dinjituża u fraterna. Huma valuri li intom iġġorru ġewwa fikom, li huma parti mill-għeruq tagħkom. Meta l-ġerħa tkun tfejqet mit-tiċrita tagħha, mill-għeruq li minnhom inqlajtu, intom tkunu tistgħu toħorġu dan l-għana li ġġorru ġewwa fikom, wirt ta’ umanità prezzjuż ħafna, u tqegħduh f’komunjoni mal-komunitajiet li fihom ġejtu milqugħa u fl-ambjenti fejn intom imdaħħlin. Din hija t-triq! It-triq tal-fraternità u tal-ħbiberija soċjali. Hawn għandna l-futur tal-familja umana f’dinja globalizzata. Inħossni kuntent li nista’ llum naqsam magħkom din il-ħolma, l-istess kif intom, fix-xhieda tagħkom, taqsmu l-ħolm tagħkom miegħi!
Jidhirli li hawnhekk hawn ukoll it-tweġiba għall-kwistjoni li hemm fil-qalba tax-xhieda tiegħek, Siriman. Int fakkartna li min ikollu jħalli pajjiżu jitlaq b’ħolma f’qalbu: il-ħolma tal-libertà u tad-demokrazija. Din il-ħolma taħbat ma’ realtà iebsa, spiss perikoluża, xi drabi terribbli, diżumana. Int tajt leħen lill-appell fgat ta’ miljuni ta’ migranti li d-drittijiet fundamentali tagħhom huma mirfusa, b’xorti ħażina xi drabi bil-kompliċità tal-awtoritajiet kompetenti. U ġbidt l-attenzjoni fuq il-punt-muftieħ: id-dinjità tal-persuna. Dan intennih bil-kelmiet tiegħek: intom m’intomx numri, imma persuni tad-demm u l-laħam, uċuħ, ħolmiet xi kultant imfarrka.
Ejjew nitolbu għal dawn ħutna li qed jirriskjaw ħajjithom fil-baħar ifittxu t-tama
Minn hawn nistgħu u għandna nerġgħu nitilqu: mill-persuni u mid-dinjità tagħhom. Ma nitqarrqux minn min jgħid: “M’hemmx x’tagħmel”, “huma problemi ikbar minna”, “jien nagħmel fattija u l-oħrajn jaraw huma”. Le. Ejjew ma naqgħux f’din in-nasba. Ejjew inwieġbu għall-isfida tal-migranti u tar-rifuġjati bl-istil tal-umanità, ejjew inqabbdu ħġejjeġ ta’ fraternità, li madwarhom il-persuni jistgħu jisħnu, jerġgħu jqumu fuq saqajhom, jitkebbsu mill-ġdid bit-tama. Ejjew insaħħu t-tessut tal-ħbiberija soċjali u l-kultura tal-laqgħa, ibda minn imkejjen bħal dan, li ċertament mhux ħa jkunu perfetti, imma huma “laboratorji tal-paċi”.
U ladarba dan iċ-Ċentru jġorr l-isem tal-Papa San Ġwanni XXIII, nieħu pjaċir infakkar dak li hu kiteb fi tmiem l-Enċiklika memorabbli tiegħu fuq il-paċi: “Ibiegħed [il-Mulej] mill-qalb tal-bnedmin dak li jista’ jtellef il-paċi, u jagħmel minnhom xhieda ta’ verità, ta’ ġustizzja u ta’ mħabba tal-aħwa. Idawwal il-mexxejja tal-ġnus sabiex flimkien mal-ġid li jagħmlu jiggarantixxu wkoll liċ-ċittadini tagħhom u jħarsulhom ir-rigal kbir tal-paċi; fl-aħħar nett ħa jkebbes ir-rieda tal-bnedmin kollha biex iġarrfu l-ħitan tal-firda u jkabbar fihom l-irbit tal-imħabba li tgħaqqad, biex jifhmu lill-oħrajn u jaħfru lil dawk li għamlulhom id-deni; hekk permezz tiegħu jingħaqdu l-ġnus ta’ din id-dinja, twarrad fihom u ssaltan dejjem iżjed il-paċi tant mixtieqa” (Pacem in terris, 91).
Għeżież ħuti, minn hawn u ftit ieħor, flimkien ma’ wħud minnkom, se nixgħel xemgħa quddiem ix-xbieha tal-Madonna. Ġest sempliċi, imma b’tifsira qawwija. Fit-tradizzoni Nisranija, dik il-fjamma ċkejkna hi simbolu tal-fidi f’Alla. U hi wkoll simbolu tat-tama, tama li Marija, l-Omm tagħna, twieżen fil-mumenti l-iżjed ibsin. Hi t-tama li rajt illum f’għajnejkom, li tat sens lill-vjaġġ tagħkom u tgħinkom timxu ’l quddiem. Tgħinkom il-Madonna biex ma titilfu qatt din it-tama! Lilha nafda kull wieħed u waħda minnkom u l-familji tagħkom, u nġorrkom miegħi fil-qalb u fit-talb tiegħi. U intom ukoll, tinsewx titolbu għalija. Grazzi!
Clicca qui per leggere il discorso in italiano.