Post

Sa miż-Żminijiet tan-Nofs, il-Grotta ta’ San Pawl kienet meqjuma bħala l-post, sewwasew barra l-belt Rumana ta’ Melite, fejn dan il-Qaddis jingħad li qagħad tul il-waqfa tiegħu f’Malta fis-sena 60 WK kif deskritta fl-Atti tal-Appostli. Ir-referenza dokumentata medjevali l-iktar bikrija għall-Grotta ta’ San Pawl, issemmi l-knisja ta’ San Pawl de crypta, kif ukoll iċ-ċimiterju ta’ San Pawl u l-fossatura  jew foss ħdejn il-knisja ta’ San Pawl. Din ir-referenza tmur lura għas-sena 1366 meta l-Isqof Ylario ta lil Bochius de Bochio biċċa art li kienet propjetà tal-knisja ta’ San Pawl.

Skont it-tradizzjoni tal-Kontro-Riforma Kattolika, qawmien qawwi tal-kult ta’ San Pawl inbeda mill-eremit Spanjol Juan Benegas ta’ Cordoba li kien jgħix fl-inħawi tal-Grotta u li, fl-1607, kiseb il-permess tal-Papa Piju V biex jibda jieħu ħsieb din il-Grotta.

L-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, li wkoll tefgħet għajnejha fuq dan is-sit importanti, sostniet l-isforzi ta’ Benegas rigward il-Grotta. Il-Kavallieri ma damux ma għarfu l-potenzjal tal-kult Pawlin f’Malta, kult li kien joffrilhom il-privileġġ li jieħdu ħsieb sit hekk qaddis, mhux biss għal raġunijiet reliġjużi iżda wkoll għal għanijiet politiċi. Fl-1617 Benegas ċeda bil-qalb il-Grotta u dak kollu marbut magħha lill-Ordni. Sat-tluq tiegħu mill-gżira fl-1622, Benegas baqa’ importanti għall-kult ta’ San Pawl f’Malta. Huwa miet iktar tard f’Ruma, fl-1644.

Il-Gran Mastru dak iż-żmien kien Alof De Wignacourt, li għaraf il-ħtiega li jibni collegio sabiex iwaqqaf Kulleġġ ta’ Kappillani, li jkun ġeneralment immexxi minn rettur li kien ikun Kavallier magħżul mill-Gran Mastru, sabiex jieħdu ħsieb il-Grotta ta’ San Pawl. Dawn kienu magħrufa wkoll bħala l-Kappillani tal-Ordni tal-Ubbidjenza. Id-dmir ta’ dawn il-Kappillani kien li jxerrdu d-devozzjoni lejn San Pawl kif ukoll li jżommu l-Grotta f’kundizzjoni tajba u li jipproteġuha.  Kif kien xieraq, Benegas, li kien sar ukoll Kavallier tal-Ubbidjenza, kien maħtur bħala l-ewwel rettur tal-Collegio. Il-Kavallieri, flimkien ma’  Benegas, issa kellhom ir-responsabbiltà li jagħmlu dak is-sit wieħed li jkun iktar xieraq biex jilqa’ l-pellegrini. Għalhekk bdew billi żiedu għadd ta’ altari tal-ġnub qrib il-Grotta kif ukoll, fuqha, Santwarju ddedikat lil San Publiju.  Il-kumpless ta’ taħt l-art jinkludi l-Grotta, u magħha kripta mħaffra fil-blat li fiha żewġ altari, wieħed iddedikat lil San Pawl u l-ieħor lil  San Luqa, kif ukoll altar tal-ġenb iżgħar iddedikat lil San Trofimu.

L-istatwa fl-irħam ta’ San Pawl li hemm fil-Grotta kienet mogħtija mill-Gran Mastru Pinto fl-1748. Statwa oħra ta’ San Pawl li tinsab fuq l-altar prinċipali tal-Kripta, hija xogħol fl-irħam tal-iskultur magħruf Malti, Melchiorre Gafà, li matul il-karriera qasira tiegħu sar skultur importanti fl-istil Barokk f’Ruma. Fil-Grotta, imdendel qrib l-istatwa tal-irħam, hemm xini tal-fidda, maħdum fl-1960 fl-okkażjoni tad-19-il ċentinarju tan-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta. Dan ix-xini kien ukoll mogħti mill-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Il-Grotta saret post ċentrali ta’ qima u pelleggrinaġġ, u kienu diversi l-personalitajiet importanti li żaru dan is-sit matul is-sekli. Fosthom kien hemm l-Inkwiżitur Mons. Fabio Chigi (li wara sar il-Papa  Alessandru VII), l-Ammirall Lord Nelson, il-Papa San Ġwann Pawlu II fl-1990 u l-Papa Benedittu XVI fl-2010.

Is-Santwarju ta’ San Publiju

Matul iż-żmien li qatta’ fuq il-gżira, San Pawl għamel diversi mirakli, bħall-miraklu tal-lifgħa kif ukoll għadd ta’ mirakli ta’ fejqan. Skont l-Atti tal-Appostli (27: 7-8) wieħed minn dawk li San Pawl fejjaq kien missier Publiju. San Publiju kien il-prinċep ta’ Malta u kien maħtur l-ewwel isqof tal-gżira. Dan is-santwarju huwa ddedikat lilu.

Is-Santwarju ta’ San Publiju, li żdied mal-Knisja ta’ San Pawl fl-1617, kien mibni mill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Il-pittura li hemm fuq l-altar hija xogħol ta’ Mattia Preti u turi lill-Omm Verġni bit-tfajjel Ġesù li f’idejh qed iżomm is-salib bi tmien ponot. Maġenbha jidhru l-qaddis patrun tal-Ordni u San Publiju.

Fl-1962 il-Grotta ta’ San Pawl ingħaqdet mill-ġdid mal-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl li ġiet mgħollija għal Knisja Kolleġġjata u li mbagħad, fl-4 ta’ April 2020, kienet elevata mill-Papa Franġisku  għad-dinjità ta’ Bażilika.

Il- Bażilika ta’ San Pawl tar-Rabat

Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl tar-Rabat kienet tinsab sewwasew barra l-belt kapitali Rumana antika ta’ Melite. Kienet l-ewwel knisja li nbniet fil-post fejn tradizzjonalment jingħad li San Pawl kien joqgħod tul il-waqfa tiegħu ta’ tlett xhur f’Malta u fejn kien jipprietka u jfejjaq il-morda, kif insibu deskritt fl-Atti tal-Appostli. Ir-referenza dokumentata medjevali l-iktar bikrija, u li waslet għandna, għall-knisja ta’ San Pawl de crypta, kif ukoll għaċ-ċimiterju ta’ San Pawl u l-fossatura jew foss ħdejn il-Knisja ta’ San Pawl, tmur lura għas-sena 1366 meta l-Isqof Ylario ta lil Bochius de Bochio biċċa art li kienet propjetà tal-knisja ta’ San Pawl.

Il-knisja li nsibu llum hija l-aħħar waħda minn sensiela ta’ knejjes li nbnew fuq dan is-sit. Fl-1555 inbniet knisja ġdida skont struzzjonijiet mogħtija mill-Isqof Domenico Cubelles u iktar tard, fl-1575, din il-knisja tkabbret mill-Arċipriet De Agathiis. Fl-1653, sinjura Maltija, in-nobbli Cosmana Navarra, bi spejjeż tagħha u mqanqla mid-devozzjoni kbira tagħha lejn San Pawl, ikkummissjonat lill-Perit GF Bonamico biex ifassal il-pjanti għal knisja barokka ġdida f’għamla ta’ Salib Latin. Ix-xoghol tal-bini dam għaddej 30 sena u wasal fi tmiemu fl-1683 bil-bini tal-koppla skont id-disinn u taħt id-direzzjoni tal-Perit Malti Lorenzo Gafà.

Cosmana Navarra żejnet il-knisja b’iktar xogħlijiet ta’ arti bħalma huma artal maġġur tal-irħam, li llum jinsab fil-kappella tal-ġenb ta’ San Stiefnu, pittura titulari li turi n-nawfraġju providenzjali ta’ San Pawl, xogħol ta’ Stefano Erardi, u pitturi oħra xogħol Mattia Preti u Michelangelo Marulli. L-aċċessorji liturġiċi essenzjali kollha, bħalma huma lampi votivi tal-fidda u tal-bronż, kienu kkummissjonati mill-istess benefattriċi. Hija żammet il-kappella tal-ġenb iddedikata lil San Anton Abbati bħala l-kappella tal-familja tagħha. Hija tinsab midfuna f’din il-kappella fejn, fl-2016, tqiegħed monument kommemorattiv b’tifkra tagħha.

Il-knisja għandja 13-il artal u Oratorju anness magħha. Hija annessa wkoll mal-Grotta ta’ San Pawl u l-knisja ta’ San Publiju. Taħt il-pittura titulari attwali nsibu kopja tal-pittura titulari l-antika, pittura polittika li turi lil San Pawl fin-nofs, imdawwar minn erba’ pitturi oħra li juru waqtiet important mill-ħajja tiegħu. Il-pittura oriġinali, li llum tinsab fil-mużew tal-parroċċa, il-Mużew Wignacourt, kienet saret fl-1588 għall-knisja li kien hemm qabel.

L-istatwa titulari ta’ San Pawl kienet skolpita fl-injam minn Giovanni Caruana fl-1771. Il-pitturi tas-saqaf u tal-koppla tal-knisja huma xogħol ta’ Eliodoro Coccoli, artist tas-seklu XX minn Brescia, filwaqt li l-Via Crucis hija xogħol fil-bronż tal-iskultur Taljan Giannino Castigilioni.

Il-faċċata tal-Knisja, iddisinjata minn Bonamico, tgħaqqad flimkien it-tliet siti sagri li nsibu fil-post. Il-bieb prinċipali jagħti għall-Bażilika, filwaqt li l-bieb tal-ġenb tal-lemin jagħti għall-knisja ta’ San Publiju u l-Grotta, u l-bieb tal-ġenb tax-xellug iwassal għaċ-ċimiterju tal-Grotta li jinkludi s-Sacro Monte, il-post minn fejn San Pawl kien jippriedka u li fuqu fl-1679 tqiegħdet statwa tal-ġebel ta’ San Pawl, imħallsa minn Cosmana Navarra.

Il-koppla tal-Knisja li naraw illum, inbniet fl-1926 fuq disinn tal-Perit Robert Galea u ħadet post koppla oħra mibnija fl-1919 li kienet tistrieħ fuq il-koppla oriġinali ta’ Gafà u li kienet iġġarfet traġikament  fl-1924, wara l-ħsara serja li kienet ġarrbet wara t-terremot li laqat il-gżira fl-1923.

Il-Knisja Parrokkjali Kolleġġjata ta’ San Pawl tar-Rabat ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Bażilika Minuri mill-Q.T. il-Papa Franġisku nhar l-4 ta’ April 2020.

Scroll to Top