Ilkoll Aħwa

L-istudenti kollha fl-iskejjel tal-Istat, Knisja u Indipendenti ġew mistiedna jieħdu sehem f’inizjattiva bi tħejjija għall-miġja tal-Papa Franġisku fil-gżejjer Maltin marbuta mat-tema Ilkoll Aħwa. Bil-għajnuna tal-edukaturi, l-istudenti saru jafu iżjed lill-Papa Franġisku u tgħallmu dwar l-attitudnijiet li l-Papa Franġisku jħeġġiġna biex ngħixu flimkien bħall-aħwa. Dan sar permezz ta’ riflessjonijiet li l‑edukaturi b’riżorsi użati fil‑klassi li ġew adattati skont l-età tat-tfal mill‑Ispiritual Development in Schools u s-Segretarjat għall-Edukazzjoni tal-Knisja.

Wara l-istudenti ġew mistiedna jesprimu ruħhom b’mod artistiku dwar xi tfisser għalihom it-tema: Ilkoll AħwaX’inhuma x-xewqat u l-ħolm tagħhom li jgħixu bħal aħwa fil-Gżejjer Maltin?

Tfal, adolexxenti u żgħażagħ minn 60 skola tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti f’Malta issottomettew espressjonijiet artistiċi b’ħafna kreattività permezz ta’ tpinġijiet, filmati, żfin, collages, intervisti, kitbiet, poeżiji u mudelli maħduma bl-idejn.

Il-preżentazzjoni

Nhar it-Tlieta 29 ta’ Marzu 2022 saret attività fejn l-istudenti minn skejjel tal-Istat, Knisja u Indipendenti pparteċipaw kemm f’mumenti ta’ djalogu u ppreżentaw ix-xogħlijiet tagħhom lil Dr Nadia Delicata, Delegat Episkopali għall-Evanġelizzazzjoni. L-Arċisqof Charles Scicluna wassal il-messaġġ tiegħu lill-istudenti. Ġabra mix-xogħlijiet tat-tfal se tiġi stampata fi ktieb li l-Arċisqof se jippreżenta f’isem it-tfal lill-Papa Franġisku.

Matul din l-attività kien hemm mużika, kant u djalogu, fosthom il-kanzunetta bl-isem Franġisku b’mużika u lirika ta’ Augusto Cardinale, diversi esperjenzi fosthom ta’ Cecilia Massa dwar kif għexu s-sens ta’ komunità fl-iskola Sacred Heart College, kanzunetta dwar l-għaqda minn studenti mill-Kulleġġ San Injazju fl-iskejjel primarji ta’ Ħal Qormi San Ġorġ u San Sebastjan, messaġġi dwar il-paċi mill-studenti mill-iskola primarja Birżebbuġa u l-kant tal-kor mill-iskola Santa Monika Birkirkara.

Fid-djalogu immexxi minn Dr Delicata ħadu sehem studenti ta’ etajiet differenti fejn semmew kif ħassewhom bil-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-inizjattiva, min hu għalihom l-Papa Franġisku u x’messaġġ jixtiequ li l-Papa Franġisku jgħaddi lill-poplu Malti u Għawdxi waqt iż-żjara.

X’qalu l-istudenti waqt id-djalogu?

· Il-Papa Franġisku jgħallimna kif inħobbu lil Ġesù u lil xulxin

· Hu role model importanti għax jagħmel ħafna ġid u ma joqgħodx jagħti kas id-differenzi.

· Il-Papa Franġisku jaċċetta d-differenzi ta’ bejn kulħadd. Jgħallimna meta jiġi Malta biex inħobbu lil xulxin.

· Hu ta’ eżempju tajjeb.

· Mexxej li jħobb lil kull wieħed u waħda minna u jurina kif nimxu wara Ġesù.

· Il-Papa Franġisku jirrapreżenta lil Alla li hu s-Salvatur tagħna.

· Hu missier il-Knisja Kattolika, għannej tal-Ħniena u tal-maħfra. Id-dawl li jiddi biex nimxu wara Ġesù.

· Persuna magħżula minn Alla u mill-kollegi tiegħu stess biex jidderiġina. Jgħin il-fidi tagħna fil-Mulej. Ma jimpurtahx mid-differenzi ta’ bejnietna. Imexxina fl-imħabba lejn Alla u lejn kulħadd.

· Persuna li nammirah ħafna. Hu raġel kbir. Permezz tiegħu nħoss lil Alla iktar qrib tiegħi.

· Dolce Cristo sulla terra.

Il-ktieb

Il-Parteċipanti

Scroll to Top