Tliet esperjenzi ta’ fidi mis-Santwarju Ta’ Pinu

Testimonjanza ta’ Sandi u Domenic Apap

Sandi: Santità, jiena Sandi u żewġi Domenic ilna miżżewġin 29 sena, wara tliet snin ta’ għerusija. Wara sena l-Mulej irregalalna tarbija, Nicole, li ftit tal-ġimgħat ilu għamlitna nanniet meta flimkien ma’ żewġha Christian tawna liċ-ċkejkna Thea.

Ta’ 23 sena, meta kien ilna biss 4 snin miżżewġin, jiena ġejt djanjostikata b’multiple sclerosis. Minn dakinhar ’il quddiem ħajjitna bdiet tinbidel, u aktar ma beda għaddej iż-żmien u s-sintomi ta’ din il-kundizzjoni bdew jiżdiedu, aktar ċertu ħolm taż-żgħożija beda jisfa fix-xejn. F’dawn l-aħħar xhur is-sitwazzjoni kkumplikat aktar ruħha minħabba l-immobbiltà tiegħi, li wasslet għal aktar kumplikazzjonijiet, u rriżultajt ukoll pożittiva għall-Covid.

Kien ħafna diffiċli għalija biex naċċettaha. Spiss kont nistaqsi lili nnifsi għaliex il-Mulej qed jippermetti dan kollu, u nistqarr li ġieli ġewni mumenti li staqsejtu: “Mulej, fejn int?”. Imma, bla ma naf kif, xi ħaġa dejjem żammitni milli niddispra u kont ngħidlu: “Mulej, inti taf bija. Inħalli f’idejk”.

Illum inħoss li l-akbar sinjal li Alla tani tal-imħabba u l-viċinanza tiegħu huma żewġi u binti, li dejjem kienu miegħi u ta’ sostenn kbir għalija fil-mumenti l-aktar diffiċli ta’ ħajti.

Domenic: Santità, jekk marti Sandi qalet li jiena u binti konna rigal għaliha, nista’ ngħidlek li hi kienet l-akbar rigal ta’ Alla għalina! L-esperjenza ta’ tbatija li għexna u qed ngħixu flimkien, mhux biss ma kissritniex jew begħditna minn xulxin, imma aktar għaqqditna u saħħitna fl-imħabba ta’ bejnietna bħala familja.

Bħal Sandi, jien ukoll ġieli għedtlu: “Mulej, għaliex jien? Għaliex marti? Għaliex il-familja tagħna?” U nistqarr li mhux dejjem sibt it-tweġiba li kont nixtieq. Imma bil-mod il-mod il-Mulej tani l-grazzja li nibda nifhem li din kienet proprju l-missjoni tiegħi: li nkun qrib marti u nerfa’ magħha s-salib. U llum tgħallimt li meta t-tbatija ngħixha bl-imħabba, ma tibqax tbatija, imma ssir ferħ. Jien żgur li f’din il-mixja kienet ta’ għajnuna kbira l-Kelma ta’ Alla, li jiena u Sandi konna nimmeditaw fil-laqgħat tal-Lectio Divina.

Għalkemm jiġu mumenti li fihom inħossni se nogħtor, il-Mulej b’xi mod dejjem jerġa’ jagħtini l-qawwa biex inkompli l-mixja tas-salib flimkien ma’ marti. Jien konvint li Alla hu magħna, iħobbna, u mhux ser iħallina weħidna. Għalhekk inħarsu ’l quddiem b’fiduċja kbira f’Alla, lesti li nilqgħu kollox bil-ferħ minn idejh, mhux bil-ħila tagħna imma bil-grazzja tiegħu.

Sandi: Santità, itlob għalina u berikna!


Testimonjanza ta’ Jennifer Cauchi

Santità,

Biex tivvjaġġa minn tarf sa ieħor fiċ-ċokon ta’ din il-gżira ma tridx wisq ħin, iżda żgur li Għawdex joffri mkejjen mill-isbaħ fejn wieħed mhux biss jistrieħ, imma wkoll jista’ jsib kenn meta jkun għaddej minn mumenti diffiċli. Dan li kont qed infittex xi snin ilu, f’Ħadd waranofsinhar, meta ħriġt bil-karozza bla ebda destinazzjoni f’moħħi. Hekk kif kont għaddejja minn quddiem is-Santwarju Ta’ Pinu, rajt il-bieb miftuħ u ħassejt xi ħaġa fija tgħidli biex nidħol: kienet il-vuċi tal-Omm qed issejjaħli, kif kważi 140 sena għamlet ma’ Karmni Grima. Minn dakinhar, dan is-santwarju baqa’ d-destinazzjoni ewlenija tiegħi.

Ejja, hija s-sejħa, għax fi ħdan Marija ssib il-paċi li qed tfittex, u fi ħdanha ssib it-teżor li jimliek bil-ferħ: Ġesù. Minn dan il-post għażiż, Marija tissokta ssejjaħ u tagħti tant tama lill-eluf ta’ pellegrini li jiġu jżuruha: żgħażagħ, anzjani, familji, reliġjużi. Hawn kulħadd iħossu milqugħ u tant persuni jiġu jpoġġu t-tbatijiet u l-ferħ tagħhom f’riġlejn l-Omm.

Hija wkoll id-dar fejn wieħed ifittex is-skiet, bogħod mill-istorbju u d-distrazzjonijiet. Saħansitra anki fis-sigħat bikrin tal-lejl hawnhekk tilmaħ persuni, fosthom żgħażagħ, li jiġu fis-skiet taz-zuntier tas-Santwarju biex jidħlu f’konverżazzjoni mal-Omm. Kemm familji tagħna jiġu jitolbu t-talba tar-rużarju quddiem il-mużajċi tal-Misteri tar-Rużarju, it-talba li, fil-Messaġġ li inti bgħattilna dakinhar tat-tberik tagħhom, iddiskrivejtha bħala “l-ġmiel tat-talba kontemplattiva, sempliċi u aċċessibbli għal kulħadd”. U għalhekk, f’din iż-Żjara tiegħek fil-gżejjer tagħna, żjara li timliena b’tant ferħ, ma stajna nilqgħuk fl-ebda post aħjar f’Għawdex ħlief f’dan is-santwarju tant għażiż għalina. Hekk din għalik ukoll tkun żjara li tagħtik serħan u paċi.

It-talb għalik ma jonqos qatt biex il-Madonna Ta’ Pinu tkompli takkumpanjak u tħarsek fil-missjoni tiegħek.


Testimonjanza ta’ Francesco Pio Attard

Għażiż Papa Franġisku,

Iż-żjara tiegħek f’Għawdex, f’dik li aħna nħobbu nsejħu l-‘Gżira tat-Tliet Għoljiet’, f’riġlejn dan is-Santwarju Marjan tant maħbub mill-poplu tagħna fejn inqimu l-aktar ikona reliġjuża għażiża għan-nazzjon tagħna, qed isseħħ fi żmien tassew providenzjali. Bħal missier li għandu għożża qawwija għal uliedu, int ġejt fostna biex twettaqna fil-fidi, dik il-fidi li l-Appostlu Missierna Pawlu ġabilna meta l-ġifen li kien fuqu ġġarraf fuq xtutna.

Hija fidi, din – mgħoddija lilna mill-ġenituri tagħna, mill-katekisti, mill-komunitajiet parrokkjali u mix-xhieda ta’ tant missjunarji – li missirijietna żammew tixgħel bħal musbieħ mal-medda tas-sekli. Imma hi wkoll fidi mġarrba mill-provi taż-żmien u mill-imwieġ qalila li mhux biss jaħbtu mal-kosta tal-gżejjer tagħna imma wkoll mal-kultura li aħna mgħaddsin fiha.

F’nazzjon b’wirt Kattoliku, imma li llum it-tessut soċjali tiegħu hu minsuġ minn tant realtajiet differenti, din hi fidi li sabet ruħha wkoll titliegħeb bejn id-drawwiet reliġjużi li writna u l-awtentiċità tad-dixxipulat Nisrani. Il-Knisja f’pajjiżna llum iktar minn qatt qabel qed tiġi msejħa tkun profetika, toffri alternattiva għall-indifferenza, akkumpanjament fejn hemm il-qlub midruba, tweġiba quddiem il-mistoqsijiet dwar il-ħajja u l-mewt, ilma li jaqta’ l-għatx tan-nixfa fil-qlub ta’ bosta.

Santità, ħafna huma dawk fostna li llum qed jistaqsu kif dan it-teżor, fdat għandna f’ġarar tal-fuħħar, nistgħu nuruh lid-dinja fil-ġmiel kollu tiegħu. Mhux darba u tnejn insibu ruħna sfiduċjati mill-bruda, mittelqa, mill-firdiet żgħar ta’ bejnietna, u tant aktar li jxekkel l-Ispirtu milli jkompli jwettaq l-opra tiegħu. Kontra dan, l-istess Spirtu qed ikompli jqanqal fostna u fi żmienna wkoll inizjattivi ġodda ta’ formazzjoni, ta’ fraternità, ta’ karità, mibnija fuq il-Kelma u madwar l-Ewkaristija, li huma tabilħaqq stimolu ġdid biex ngħixu l-‘ferħ tal-Vanġelu’!

Grazzi għat-tagħlim prezzjuż tiegħek, inħossuna aktar minn qatt qabel imsejħa biex inkunu dixxipli missjunarji.

Għażiż Papa Franġisku, isem Għawdex etimoloġikament hu marbut mal-ferħ. U qalbna llum hi mimlija ferħ għall-preżenza tiegħek fostna. Nixtiequ nesprimu l-gratitudni tagħna lejk, li bħall-predeċessur tiegħek San Ġwanni Pawlu II, għażilt li tiġi fostna biex tkompli twettaqna f’din il-fidi ta’ Kristu Rxoxt. Minn qalbna nwegħduk talbna biex il-missjoni tiegħek tkompli ddawwal il-mixja tal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla.

Aktar ritratti

Scroll to Top