Ilkoll Aħwa: Ġustizzja, ħniena u rikonċiljazzjoni

Ir-raba’ laqgħa ta’ Ilkoll Aħwa se ssir nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Marzu bit-tema ‘Ġustizzja, ħniena u rikonċiljazzjoni’, li huma tliet pilastri tat-tagħlim tal-Papa Franġisku. Dawn huma meħtieġa għall-benessri tagħna mibnija fuq relazzjonijiet b’saħħithom kemm fl-intimità ta’ djarna kif ukoll fl-isfera politika. Din it-taħdita se titmexxa minn Nadia Delicata.

Il-ġustizzja hi bbażata fuq il-verità dwar id-dinjità ugwali ta’ kull bniedem u kif ilkoll għandna dritt niffjorixxu f’ambjent b’saħħtu, permezz ta’ netwerk ta’ relazzjonijiet stabbli u ta’ wens, waqt li nkunu arrikkiti bil-wirt kulturali kif mgħoddi lilna minn missirijietna. Il-ġustizzja tanima ħajja politika b’saħħitha peress li hi mfittxija permezz ta’ djalogu kontinwu fost dawk kollha li jittamaw li jgħixu flimkien b’mod paċifiku fis-soċjetà, minkejja l-ħafna differenzi tagħna. Il-ġustizzja tiġi mgħallma fit-tfulija, permezz ta’ kull relazzjoni umana, b’mod partikolari fil-familja.

Il-ħniena, iżda, titraxxendi l-ġustizzja. Meta niffaċċjaw traġedja inspjegabbli u niġu wiċċ imb wiċċ mal-ħażen—minn dak midfun f’qalbna stess, sal-ġenn tal-gwerra—jekk nesperjenzaw ħniena vera, nirrealizzaw kemm ma jixirqilniex nirċievu kompassjoni permezz ta’ atti konkreti ta’ qalb tajba. Imma bħalma l-Papa Franġisku ma jieqaf qatt ifakkarna, “Alla ħanin”: ma jieqaf qatt ikun ġeneruż, u l-Insara li jintmessu b’din il-ħniena għandhom id-dmir li jaqsmu din l-esperjenza ta’ ferħ mad-dinja.

Il-ħniena li tmiss u tbiddel qalbna hi l-aħbar it-tajba li r-rikonċiljazzjoni mhix biss possibbli, iżda sseħħ b’mod attiv fis-skiet anke f’dan il-mument stess. Din il-konvinzjoni ġejja mit-tħabbira Nisranija li Kristu miet, indifen u qam, li jixhed li dak kollu li jitkisser—kif il-mewt teqred il-ħajja—jistaʼ jerġaʼ jingħaqad kif Alla ried li jkun mill-bidu.

F’qalbna, fir-relazzjonijiet personali tagħna, fil-politika tribalistika tagħna, f’dinja mhedda bil-gwerra; ir-rikonċiljazzjoni mibnija fuq il-ġustizzja u l-ħniena hi r-responsabbiltà tal-mgħammdin: permezz ta’ kliemna, permezz ta’ għemilna kollu … kbar u żgħar.

Hekk kif nistennew lill-Papa Franġisku u bħala poplu ta’ “ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2) forsi dan hu r-rigal li nistgħu noffru lil kulturi oħra u lil uliedna: li nkunu poplu li jfittex li jfejjaq dak li hu miksur; li jgħaqqad flimkien dak li ġie separat; li jagħżel il-verità u l-paċi fuq il-kunflitt. F’din is-sessjoni ta’ djalogu, se nikkunsidraw flimkien kemm aħna, bħala Knisja f’Malta, qed ngħixu din il-missjoni Nisranija.

Din il-laqgħa se ssir fil-Parroċċa ta’ Santa Marija, Ħ’Attard fis-7pm kif ukoll tixxandar fuq Knisja.mt u l-paġna fuq Facebook tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Iktar informazzjoni tinkiseb minn [email protected].

Agħfas hawn għal iktar tagħrif dwar il-laqgħat l-oħra.


Dwar Dr Nadia Delicata

Nadia Delicata hi d-Delegat għall-Episkopat tal-Evanġelizzazzjoni u tgħallem teoloġija morali fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Hi miżżewġa u għandha tlitt itfal.

Scroll to Top