Ilkoll Aħwa: Inħarsu l-Ambjent

L-ewwel laqgħa ta’ Ilkoll Aħwa se ssir illejla bit-tema ‘Inħarsu l-Ambjent’ u se titmexxa minn Patri Mark Ciantar, OFM.

Il-Papa Franġisku se jibqa’ magħruf fl-istorja bħala l-ewwel Ragħaj tal-Knisja Kattolika li ppublika enċiklika kollha kemm hi fuq ‘l-għożża tad-dar komuni’ tagħna, kif isejħilha hu stess. Għalkemm il-Papa jistqarr li mhux minn dejjem kellu daqshekk kuxjenza ambjentali, illum it-tagħlim tiegħu hu ta’ ispirazzjoni għal ħafna li huma impenjati biex tiġi evitata katastrofi globali.

Flimkien se nagħmlu vjaġġ li jgħinna nesploraw dak li skont il-Papa hu meħtieġ biex nesperjenzjaw konverżjoni ekoloġika, għax – fi kliemu stess – li ngħixu l-vokazzjoni tagħna li nkunu ħarriesa ta’ xogħol idejn Alla huwa essenzjali għal ħajja ta’ virtù; mhuwiex aspett fakultattiv jew sekondarju tal-esperjenza Nisranija tagħna (Laudato Si’, 217).

Din il-laqgħa se ssir fis-Sala Parrokkjali tal-Kolleġġjata Bażilika ta’ Sant’Elena, Birkirkara fis-7pm kif ukoll tixxandar fuq Knisja.mt u l-paġna fuq Facebook tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Iktar informazzjoni tinkiseb minn [email protected].

Agħfas hawn għal iktar tagħrif dwar il-laqgħat l-oħra.


Dwar Patri Mark Ciantar

Patri Mark Ciantar, OFM, hu Franġiskan impenjat fil-promozzjoni u l-prattika attwali tal-ekoloġija integrali kif inhi mfissra fl-enċiklika Laudato Si’ tal-Papa Franġisku. Fl-2007, l-involviment tiegħu fil-ministeru ma’ żgħażagħ b’diffikultajiet soċjali wassluh biex waqqaf flimkien ma’ oħrajn il-Fondazzjoni Youth Alive, li tmexxi Dar Frate Jacoba, komunità li tilqa’ lil dawn iż-żgħażagħ filwaqt li tipprattika l-permakultura. Kien hawn li – waqt li tgħallem is-sengħa tal-biedja – għaraf ukoll il-valur ta’ prattiċi agrikoli sostenibbli mhux biss għall-ħarsien tal-pjaneta tagħna, iżda wkoll għall-fejqan ħolistiku tal-persuna umana.

Bħala tweġiba għal sitwazzjoni lokali fejn spazji ħodor qed jisparixxu b’ritmu mgħaġġel, flimkien ma’ grupp ta’ żgħażagħ fl-2021 Mark waqqaf l-organizzazzjoni mhux governattiva ‘Inteko’, li permezz tagħha joffri appoġġ inizjali u kontinwu lil individwi jew entitajiet li jfittxu li jirrijabilitaw l-għelieqi jew il-ġonna tagħhom bħala spazji ħodor u possibbilment li jipproduċu l-ikel.

Jemmen bis-sħiħ li edukazzjoni soda fl-ispiritwalità ekoloġika tista’ tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ ċiviltà ġdida msejsa fuq il-valur tal-fraternità bejn il-bnedmin. Inteko tikkollabora ma’ numru ta’ istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni ta’ korsijiet u inizjattivi simili li jinkoraġġixxu kuntatt akbar mad-dinja naturali. Patri Mark hu wkoll membru tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent.

Scroll to Top